About Us

The Foundation for Transport intends to reach all modes of transport and the underlying objectives are as follows.

Photo of His Excellency The President of Malta

His Excellency The President of Malta

“Waqt t-tnedija tal-Fondazzjoni ghat-Transport spjegajt f f’kazi bhal dawn hemm l-htiega ta’ diskussjonijiet inklussivi u holistici ‘l boghod mill-kontroversja u l-politika partiggjana. Mudell li stqarrejt  li nixtieq nara wkoll li jigi repetut f’oqsma ohra”

“I appeal to prioritise the safeguarding of our natural environment and to continue to strive and do everything possible to minimise pollution on our land, in the air and in our sea. This was my appeal this morning at the launch of the Foundation for transport as explained with satisfaction how it will serve as an example of how our society should start looking at issues that have a direct impact on a wide range of areas.”

Diskors tal-E.T. George Vella, President ta’ Malta fl-okkażjoni tat-tnedija tal-Fundazzjoni għat-Trasport
27 ta’ Novembru 2020
Palazz Sant’Anton, Ħ’Attard

On. Ministru Dr. Ian Borg

Sinjuri,

Nilqagħkom bi pjaċir fil-Palazz ta’ Sant’ Anton għal dan l-avveniment importanti, u nsellem lil dawk kollha li tkellmu qabli.

Naħseb li lkoll naqblu, li kien ilu li wasal il-mument, biex f’dal-pajjiż, is-settur tat-Trasport tingħatalu l-importanza u s-serjeta’ u l-istudju li jixraqlu.

Dan mhux settur faċli biex wieħed jitkellem fuqu għax huwa vast ħafna.

Filwaqt li huwa settur minnu nnifsu u li għandu l-karatteristiċi tiegħu, il-problemi tiegħu, l-opportunitajiet li jaf joffri dan is-settur, jorbot ukoll ħafna mal infrastruttura in ġenerali tal-pajjiż, mal-iżvilupp, mal-ħarsien tal-ambjent u mal effiċċjenza tal-intrapriża u l-kumdità taċ-ċittadin u dan rajnieh iseħħ dan l-aħħar.

Bħal setturi oħra hawn Malta, dan sikwit iwassal għal diskussjonijiet imqanqla fejn kulħadd – kif inhu xieraq – iwassal il-messaġġ tiegħu. Ħafna fil-kuntest lokali sikwit jorbtu dan il-qasam biss mal-bini ta’ toroq ġodda, id-diffikultajiet marbuta mat-trasport pubbliku, u l-konġestjoni mit-trasport privat.

Dan huwa żbaljat u hemm bżonn li nħarsu lejn il-firxa wiesgħa u l-importanza, tad-diversi angoli u mezzi tat-Trasport.

Insemmi l-iktar ħaġa bażika għalina bħala gżira.

Ftit jieqfu u jixtarru kif Malta tkun iżolata, mhux kompetittiva jew attrajenti għall investiment, u mingħajr turisti, li kieku ma bnejniex tul is-snin infrastruttura tat trasport marittimu u tal-avjazzjoni li huma b’saħħithom.

Dawn iż-żewġ oqsma issa saru parti fundamentali u ħaġa waħda mat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Dawn poġġew lil pajjiżna fuq quddiem tar-reġjun bħala ċentru ewlieni fil-loġistika.

Ilkoll missjena b’idejna x’ifisser li pajjiżna jiġi iżolat, hekk kif beda jberraq bil Pandemija tal-COVID.

Bl-għaqal li nafu naħdmu bih aħna l-Maltin u l-Għawdxin, dan ma seħħx. Hawnhekk irrid inrodd ħajr lill-ħaddiema kollha li b’xi mod kienu u għadhom involuti f’dan il-qasam, tal-isforzi li għamlu sabiex ir-rota sal-lum baqgħet iddur.

Sinjuri,

Illum qed nara b’sodifazzjon element ta’ viżjoni ħolistika u matura li biha qed jiġi indirizzat il-ġejjieni u t-titjib mixtieq fis-settur tat-Trasport, hekk kif nibtet kooperazzjoni – J’ Alla dejjiema – bejn entitajiet direttament involvuti.

Qed nirreferi għal-Transport Malta, il-Kamra tal-Kummerċ għall-Intrapriżi Żgħar, Il-Kunsill għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Malta Enterprise. Għandi nifhem li numru ta’ entitajiet oħrajn qegħdin ukoll iħarsu lejn din il-kollaborazzjoni b’mod pożitttiv u jaf jingħaqdu wkoll biex jagħtu sehemhom f’dan il-proġett, aktar ‘ l quddiem.

Dan huwa eżempju ta’ kif is-soċjetà tagħna għandha tibda’ tħares lejn suġġetti li minn-natura tagħhom għandhom effett dirett fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi u li jiddependu fuq kkoperazzjoni studjata u serja biex jagħtu riżultati bħal dan tat-Trasport.

F’każi bħal dawn hemm bżonn li jkollna diskussjonijiet inklussivi u ħolistiċi, ‘l bogħod mill-kontroversja u l-politika partiġġjana.
Nixtieq nara dan il-mudell jiġi ripetut f’oqsma oħra.

Il-Fundazzjoni li qegħdin tniedu llum hija wkoll tieqa fuq il-ġejjieni.
Bi pjaċir ninnota kif li l-innovazzjoni u t-taħriġ ser jieħdu post ċentrali fil-ħidma tal-Fundazzjoni.

Meta nsemmi taħriġ mhux qed nirreferi biss għal per eżempju operatur, impjegat jew inkella intraprenditur li ser ikun jista’ jsegwi lectures jew seminars speċjalizzati – iżda wkoll għaċ-ċittadin innifsu.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-isforzi li ser isiru mhux ha jkunu ta’ benefiċċju lil xi setturi partikolari biss, iżda lill-pubbliku in generali. Għalhekk m’għandha tonqos qatt l-informazzjoni dwar servizzi eżiżtenti u oħrajn ġodda, x’ wieħed għandu jagħmel u x’ m’għandux.

Il-professjonalità hija ċentrali u għandna naspiraw għall-infrastruttura, servizzi, u uffiċċjali imrawma fl-aqwa livelli. Tajjeb li fost l-għanijiet tagħha il-Fundazzjoni ser tkun qed tinvesti f’sistema ta’ kuntatti ma’ operaturi u entitajiet simili, barra minn Malta u fuq livell internazzjonali.

Hemm ħafna x’wieħed josserva, u fejn hu applikabli, jiġu introdott fis-sistemi tagħna. Mill-banda l-oħra naf biċ-ċert li dak li rnexxielna niksbu bħala pajjiż, jaf jiswa’ ta’ mudell għal pajjiżi b’daqs u karatteristiċi oħra bħal tagħna.

Irrid nagħmel appell, biex f’dak kollu li se nagħmlu, li naf li rridu jew ma rridux ser ikollu effett fuq l-ambjent ta’ madwarna, tingħata priorita’ lill-ħarsien tal ambjent naturali tagħna, u biex inkomplu inħabirku u nagħmlu dak kollu possibbli biex kemm jista’ jkun apparti dan jitnaqqas it-tniġġis fuq l-art, fl-ajru u fl-ibħra tagħna.
Ejjew inżommu f’moħħna l-obbligu li għandna bħala gwardjani tal-wirt naturali li writna u noqgħodu attenti li nħallu pajjiżna f’qagħda sostenibbli, nadif u fuq kollox b’saħtu aktar milli sabuħ il-ġenerazzjonijiet tagħna.

Nifirħilkom għal dan il-pass importanti li qegħdin tieħdu u nixtieqilkom kull suċċess.

Grazzi.

This website uses cookies to ensure you get the best experience on our website.
Skip to content